Lill-Missier iż-Żgħażagħ Lijani, Solero Xuereb

Ħmistax t’Awwissu elfejn u ħdax;
il-Festa ta’ Santa Marija.
Mal-ewwel żerniq ta’ filgħodu,
aħbar li waħxet lil Ħal Lija.

Il-qniepen li tant waslu hena
fil-jiem Lijani tas-Salvatur,
issa ħaddmu lsienhom bla rażan
biex ixandru l-aħbar tad-dulur.

Ġejt lura tara lil min sawrek
wara tant xewqa u stennija.
Erġajt ġejt u għannaqt ‘l uliedek;
tlaqt u ruħek ħallejt Ħal Lija.

Id-dieqa tas-sejba mjassra,
ħuna Soler Xuereb ħalliena.
Dulur għal martu u wliedu,
biż-żgħażagħ ġor-raħal iltiema.

Missier ħafna żgħażagħ Lijani
li ssawru minn taħtek bl-unur
sabiex kif int dejjem rawwimthom,
jagħtu ġieħ lil Kristu Salvatur.

Inti qiegħed fl-għoli ma’ ġenbu
fuq dik l-għolja tant maestuża;
ma’ Ġakbu, Pietru u Ġwanni
biex tgawdi d-dehra glorjuża.

Żgur tibqa’ imnaqqax ġo qlubna
bħala ragħaj tal-merħla żagħżugħa;
bħala xempju fi ħdan il-festa
xbiehetek ser nibqgħu ngħożżuha.

O Ġesu` Salvatur ħu ħsiebu.
Żommu dejjem taħt il-mant tiegħek
għax hu għożżok u ħabbek f’ħajtu
u Ommok tellagħtu biex ikun miegħek.

Agħtih o’ Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem,
Iddawl ta’ dejjem jiddi fuqu,
jistrieħ fil-paċi
AMMEN.

Josef Borg

Top